| ||||||||||||||||||
l-Influwenza tat-TjurX’Inhi l-Influwenza tat-Tjur?L-Influwenza tat-Tjur, jew “bird flu”, hija marda virali li tinxtered malajr u kontaġjuża ħafna, li tinstab fit-tjur u f’għasafar oħra, u inqas komuni, fil-ħnieżer. Filwaqt li r-razez kollha ta’ l-għasafar huma maħsuba li huma suxxettibbli għall-infezzjoni, qatgħat ta’ tjur domestiċi huma speċjalment vulnerabbli għal infezzjonijiet li malajr jistgħu jilħqu proporzjonijiet epidemiċi.
Fl-għasafar il-marda għandha żewġ forom. L-ewwel forma tikkawża marda li mhijiex qawwija. Ta’ aktar tħassib hija t-tieni forma, magħrufa bħala “Influwenza tat-tjur patoġenika ħafna”. L-ewwel li ġiet identifikata kien fl-Italja fl-1878. Hi kontaġjuża ħafna u toqtol malajr, b’mortalità viċin il-100%. L-għasafar jistgħu jmutu fl-istess ġurnata li jitfaċċaw is-sintomi. Kultant l-influwenza tat-tjur tista’ tinxtered lin-nies u lil annimali oħra, issoltu wara kuntatt dirett ma’ għasafar infettati.
X’Inhuma l-Miżuri ta’ Kontroll fl-Għasafar?
L-iktar miżuri ta’ kontroll importanti huma l-qerda rapida ((“culling” jew “stamping out”) ta’ l-għasafar kollha li huma nfettati jew li ġew esposti, ir-rimi kif suppost tal-karkassi, u t-tqegħid ta’ rziezet taħt kwarantina u d-diżinfezzjoni rigoruża tagħhom.
Il-virus jinqatel bis-sħana (56ºC għal 3 sigħat jew 60ºC għal 30 minuta) u d-diżinfettanti komuni, taħlitiet tal-formalina u l-jodju.
Il-virus jibqa’ jgħix, f’temperaturi bierda, fid-demel ikkontaminat, għal millinqas tlett xhur. Fl-ilma l-virus jibqa’ jgħix sa erbat ijiem f’22ºC u għal aktar minn 30 ġurnata f’0ºC. Għall-forma patoġenika ħafna, studji wrew li gramm wieħed ta’ demel ikkontaminat jista’ jkun fih biżżejjed viruses biex jiġu nfettati miljun għasfur.
Ir-restrizzjoni fuq iċ-ċaqliq ta’ tjur ħaj, sew ġewwa kif ukoll bejn pajjiżi, huwa miżura ta’ kontrol oħra mportanti.
Kif Jinxterdu t-Tifqigħat ta’ l-Influwenza Ġewwa Pajjiż?Ġewwa pajjiż il-marda tinxtered faċilment minn razzett għal ieħor. It-trab u l-ħamrija jiġu kkontaminati mill-virus li jinxtered minn ġol ħmieġ ta’ l-għasafar filwaqt li l-virus fl-arja jista’ jxerred il-marda, u jikkawża l-infezzjoni meta jinġibed ‘il ġewwa man-nifs. Tagħmir ikkontaminat, vetturi, għalf, gaġeġ jew ħwejjeġ – speċjalment iż-żraben – jistgħu jġorru l-virus minn razzett għal ieħor. Il-virus jista’ wkoll jinġarr fuq is-saqajn u l-iġsma ta’ l-annimali, li jagħmluha ta’ “mechanical vectors” għat-tixrid tal-mard.
Kif Tinxtered il-Marda Minn Pajjiż Għal Ieħor?Il-marda tista’ tinxtered minn pajjiż għal ieħor minħabba l-kummerċ internazzjonali ta’ tjur ħaj. L-għasafar tal-passa jistgħu jġorru l-virus għal distanzi twal u kienu, fil-passat, implikati fit-tixrid internazzjonali ta’ l-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna. L-għasafar ta’ l-ilma tal-passa – l-aktar il-papri slavaġ – huma l-ħażna naturali tal-viruses ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar, u dawn l-għasafar huma wkoll l-aktar reżistenti għall-infezzjoni – jiżviluppaw biss marda ħafifa u li ma ddumx ħafna fuqhom.
Il-papri domestiċi, iżda, huma suxxettibbli għal infezzjonijiet li jikkaġunaw il-mewt, bħalma huma d-dundjani, il-wiżż, u diversi razez oħra mrobbija f’irziezet kummerċjali jew btieħi.
X’Inhi s-Sitwazzjoni Preżenti?
Minn nofs ta’ Diċembru ta’ l-2003, numru li qed jiżdied ta’ pajjiżi ta’ l-Asja rrappurtaw tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna fit-tiġieġ u l-papri. Infezzjonijiet f’diversi razez ta’ għasafar slavaġ u ħnieżer ġew irrappurtati wkoll.
It-tixrid rapidu ta’ l-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna, b’tifqigħat li qed jiġru fl-istess ħin f’diversi pajjiżi, huwa bla preċedent fl-istorja u huwa ta’ tħassib kbir għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-agrikoltura.
Fil-każ tan-nies, huwa partikolarment allarmanti li razza patoġenika ħafna tal-virus – H5N1 – qabżet il-barrieri tar-razez u kkawżat mard gravi fin-nies, f’żewġ okkażjonijiet fil-passat, u issa qed terġa’ tagħmilha, f’numri li qed jiżdiedu gradwalment, fil-Viet Nam u t-Tajlandja.
Għaliex Hawn Daqshekk Tħassib Dwar it-Tifqigħat Kurrenti?
L-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika huma allarmati bit-tifqigħat fit-tjur li qatt ma kien hemm bħalhom għal diversi raġunijiet.
L-ewwlnett, il-maġġoranza, iżda mhux kollha, mit-tifqigħat il-kbar irrappurtati reċentement fl-Asja kienu kkawżati mir-razza patoġenika ħafna H5N1. Hemm evidenza li qegħda tikber li din ir-razza għandha kapaċità unika li taqbeż il-barriera tar-razza u tikkawża mard serju, b’rata ta’ mwiet għolja fin-nies.
It-tieni, u l-aktar raġuni ta’ tħassib hija l-possibbiltà li s-sitwazzjoni preżenti tista’ toħloq pandemija ta’ l-influwenza oħra fin-nies. Ix-xjentisti jagħfu li l-viruses ta’ l-influwenza tat-tjur u tan-nies jistgħu jpartu l-ġeni meta persuna tkun infettata b’viruses miż-żewġ razez f’daqqa. Dan il-proċess ta’ tpartit ta’ ġeni ġol-ġisem tal-bniedem jista’ joħloq tip kompletament ġdid tal-virus ta’ l-influwenza li għalih ftit, jekk xejn, nies għandhom immunità naturali. Barra dan, il-vaċċini eżistenti, li huma żviluppati kull sena biex jaqblu mar-razez li preżentement huma fiċ-ċirkulazzjoni u li jipproteġu n-nies waqt epidemiji staġonali, ma jistgħux ikunu effettivi kontra virus ta’ l-influwenza kompletament ġdid.
Jekk il-virus il-ġdid fih biżżejjed ġeni umani, it-trasmissjoni diretta minn persuna għal oħra (minnflok mill-għasafar għan-nies biss) tista’ ssir. Meta jiġri hekk, il-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ pandemija ta’ l-influwenza ġdida jkunu ntlaħqu. Tkun allarmanti ħafna kieku tinħoloq sitwazzjoni fejn it-trasmissjoni minn persuna għal oħra tirriżulta f’ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ mard serju b’rata ta’ mewt għolja.
Hemm Evidenza ta’ Trasmissjoni Effiċjenti Minn Persuna Għal Oħra Bħalissa?
Le. Iżda, fit-Tajlandja f’Settembru 2004, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar possibbiltà ta’ trasmissjoni minn persuna għal oħra f’familja fejn omm setgħet ħadet l-infezzjoni jew minn xi fonti fl-ambjent jew waqt li kienet qegħda tieħu ħsieb bintha. Waqt li l-investigazzjoni ta’ din il-familja tipprovdi evidenza li trasmissjoni minn persuna għal oħra setgħet ġrat, l-evidenza sa llum tindika li t-trasmissjoni tal-virus qalb in-nies kienet illimitata għall-membri tal-familja u li ma kienx hemm aktar trasmissjoni fil-komunità. Hemm bżonn ta’ viġilanza kontinwa biex ikun iddeterminat jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika fin-nies tibqa’ stabbli.
It-Tifqigħat fl-Għasafar li Ġew Irrappurtati Bħalissa Huma ta’ Periklu Ndaqs għan-Nies?
Le, it-tifqigħat li huma kkawżati mir-razza H5N1 biss huma bħalissa ta’ l-akbar tħassib għas-saħħa tal-bniedem.
Iżda, kontroll urġenti tat-tifqigħat kollha ta’ l-influwenza tat-tjur fl-għasafar – anki meta jkunu kkawżati minn razza ta’ patoġenità baxxa – huwa mportanti ħafna. Ir-riċerka turi li ċerta razez tal-virus ta’ l-influwenza tat-tjur, li għall-ewwel ikunu ta’ patoġenità baxxa, jistgħu jinbidlu f’forma oħra malajr (bejn 6 sa 9 xhur) għal razza patoġenika għolja jekk titħalla tiċċirkola fil-popolazzjonijiet tat-tjur.
Tista’ Tkun Evitata Pandemija?Skond mudelli storiċi, il-pandemiji ta’ l-influwenza jistgħu jkunu mistennija, fuq medja, tlieta jew erba’ darbiet kull seklu meta joħorġu tipi ġodda ta’ viruses li huma trasmessi faċilment minn persuna għal oħra. Il-ġrajja tal-pandemiji ta’ l-influwenza iżda, hi imprevedibbli. Fis-seklu 20, il-pandemija ta’ l-influwenza l-kbira ta’ l-1918-1919 ġiet segwita minn pandemiji fl-1957-1958 u l-1968-1969.
L-esperti jaqblu li pandemija ta’ l-influwenza oħra hi inevitabbli u possibbilment imminenti.
Iżda, hemm tama li, jekk jittieħdu l-azzjonijiet it-tajbin malajr, il-pandemija ta’ l-influwenza tista’ tkun evitata.
L-evidenza kollha li hawn tindika għal riskju għola ta’ trasmissjoni lin-nies meta t-tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur patoġenika ħafna H5N1 ikunu mifruxin fit-tjur. Filwaqt li n-numru ta’ infezzjonijiet fil-bnedmin jiżdied, jiżdied ir-riskju li jista’ jiżviluppa tip ta’ virus ġdid, li jista’ jibda’ pandemija ta’ l-influwenza. Dan il-kollegament bejn infezzjoni mifruxa fit-tjur u r-riskju miżjud ta’ infezzjoni fil-bnedmin qiegħed ikun muri issa stess fl-Asja. Il-każijiet umani u l-imwiet kollha li kienu osservati s’issa huma f’żewġ pajjiżi – il-Viet Nam u t-Tajlandja – b’tifqighat fit-tjur mifruxa ħafna.
Meta jkun hemm każijiet ta’ l-Influwenza tat-tjur fil-bnedmin, ikun hemm bżonn urġenti ta’ informazzjoni dwar l-estensjoni ta’ l-infezzjoni bl-influwenza fl-annimali kif ukoll fil-bnedmin u dwar il-viruses ta’ l-influwenza li hemm fiċ-ċirkulazzjoni sabiex issir valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa pubblika u tkun ta’ gwida għall-aħjar miżuri ta’ protezzjoni.
Huwa neċessarju li tkun enfasizzata l-importanza ta’ azzjoni rapida fis-setturi ta’ l-annimali u ta’ l-agrikoltura.
Kull pajjiż għandu jkollu Pjan għall-Pandemija, li għandu jkollu miri nazzjonali definiti, u għandhom ikunu mniżżla l-prijoritajiet – eż. tnaqqis ta’ mewt, tnaqqis ta’ mard serju, limitazzjoni ta’ tfixkil lis-soċjetà u limitazzjoni tat-telf ekonomiku.
Il-pjanijiet għandhom jiffukaw fuq il-bini ta’ attivitajiet preventivi ta’ rutina, il-ħżin ta’ vaċċini u aġenti antivirali, iż-żieda ta’ tilqim ta’ gruppi f’riskju u t-tkabbir ta’ sforzi ta’ sorveljanza.
Hi ta’ Serħan tal-Moħħ li Kien Hemm Tant Ftit Każijiet fil-Bnedmin?
Iva. Hemm evidenza li r-razza H5N1 jista’ jkun ilha tiċċirkula fl-għasafar minn April 2003. L-osservazzoni s’issa ta’ tant ftit każijiet fil-bnedmin jindika li l-virus ma jkunx trasmess faċilmant mill-għasafar sa n-nies bħalissa. Iżda, s-sitwazzjoni tista’ tinbidel malajr, peress li ntwera li r-razza H5N1 tinbidel malajr u għandha tendenza ddokumentata li tpartat il-ġeni ma’ l-viruses ta’ l-influwenza minn speċi oħrajn.
X’Inhuma s-Sintomi ta’ l-Influwenza tat-Tjur fin-Nies?L-informazzjoni ppubblikata dwar ir-ritratt kliniku ta’ l-infezzjoni fin-nies bl-influwenza tat-tjur H5N1 hija llimitata għal studji ta’ każijiet fit-tifqigħa ta’ l-1997 f’Hong Kong. Il-pazjenti żviluppaw sintomi ta’ deni, uġigħ fil-ġriżmejn, sogħla, u, f’ħafna mill-każijiet fatali, problemi respiratorji serji li kienu sekondarji għal pulmonite virali. Adulti u tfal li qabel kienu b’saħħithom ġew affettwati, u xi nies li kellhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi ġew affettwati.
Hawn Xi Testijiet Disponibbli?It-testijiet tal-laboratorju għad-dijanjożi tar-razez kollha ta’ l-influwenza ta’ l-annimali u n-nies huma rapidi u ta’ min jafdahom. Testijiet ta’ barra l-laboratorji li huma rapidi li jagħmlu dijanjożi ta’ l-influwenza fil-bnedmin huma disponibbli f’ċerti pajjiżi, iżda m’għandhomx il-preċiżjoni tat-testijiet tal-laboratorju iktar estensivi li hemm bżonn bħalissa biex ikunu mifhuma sew l-iktar każijiet reċenti u biex ikun iddeterminat jekk l-infezzjoni fil-bnedmin qegħda tinfirex, jew direttament mill-għasafar jew minn persuna għal oħra.
Hemm xi Vaċċin Effettiv Kontra l-H5N1 fin-Nies?
Le m’hemmx. Il-vaċċini li hawn bħalissa ma jipproteġux kontra l-marda kkawżata mir-razza H5N1 fin-nies.
Qed isir ix-xogħol urġentement biex ikun żviluppat prototip ta’ virus H5N1 għall-użu minn manufatturi tal-vaċċin kbar.
Ikun hemm bżonn ta’ millinqas 2-3 xhur sabiex ikun prodott vaċċin ġdid, f’kwantitajiet sinjifikanti, li hu kapaċi jagħti protezzjoni kontra tip ta’ virus ġdid.
Il-Vaċċini li Hawn Bħalissa Huma Tajbin Biex Jevitaw Pandemija ta’ l-Influwenza?Iva huma tajbin, iżda b’mod preċiż ħafna. Il-vaċċini kurrenti, meta jkunu mgħotija lil gruppi ta’ riskju għoli, bħal min joqtol it-tjur, jipproteġu kontra r-razez li jaffetwaw il-bnedmin li hawn fiċ-ċirkulazzjoni u b’hekk inaqqsu r-riskju li l-bnedmin li jkunu f’riskju għoli li jiġu esposti għall-virus ta’ l-għasafar jistgħu jkunu nfettati bil-viruses tal-bnedmin u tat-tjur fl-istess ħin. Dawn l-infezzjonijiet doppji jagħtu opportunità lill-viruses tat-tjur u tal-bnedmin li jpartu l-ġeni, u possibbilment jirriżultaw f’tip ta’ virus ta’ l-influwenza ġdid b’potenzjal li joħloq pandemija.
Hawn Xi Mediċini Għall-Prevenzjoni u l-Kura?Hawn żewġ klassijiet ta’ mediċini disponibbli:
Dawn il-mediċini ngħataw il-liċenzja għall-prevenzjoni u l-kura ta’ l-influwenza fil-bnedmin f’ċerti pajjiżi, u huma maħsuba li huma effettivi tkun liema tkun ir-razza.
Iżda, analiżi inizzjali ta’ viruses iżolati mill-każijiet fatali reċenti fil-Viet Nam tindika li l-viruses huma reżistenti għall-M2 inhibitors b’mod kostanti. Laboratorji qed imexxu studji biex jikkonfermaw li n-neuraminidase inhibitors huma effettivi kontra r-razez H5N1 kurrenti.
|
| |||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
| ||||||||||||||||||||||||