Index of diseases (A to Z Guide)
   
   

   
   
   
   

Influwenza

X’Inhi l-Influwenza?

 

L-Influwenza hija marda tan-nifs komuni u kontaġjuża ħafna kkawżata mill- viruses ta’ l-influwenza.  Tikkawża infezzjoni ta’ l-imnieħer, il-gerżuma u l-pulmuni.  Tista’ tkun waħda mill-iktar mard serji ta’ l-istaġun tax-xitwa.  Tista’ tikkawża mard li jista’ jkun kemm ħafif kif ukoll serju, u li ġieli jwassal għall-mewt.  Filwaqt li l-maġġoranza tan-nies b’saħħithom jirkupraw mill-influwenza mingħajr kumplikazzjonijiet, xi nies, bħall-anzjani, it-tfal żgħar, u nies b’ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa, huma f’riskju li jkollhom kumplikazzjonijiet serji minħabba l-influwenza. 

 

 X’Inhuma s-Sintomi ta’ l-Influwenza?

 L-Influwenza ssoltu tibda’ f’daqqa u tista’ tinkludi s-sintomi li ġejjin:

 

  • Deni (issoltu għoli)                                       
  • Uġigħ ta’ Ras
  • Għeja
  • Sogħla
  • Griżmejn juġaw
  • Imnieħer inixxi/ibblukkat
  • Uġigħ mal-ġisem kollu
  • Dijarea u remettar jistgħu ikunu sintomi wkoll (iktar komuni fit-tfal)

 

Dawn is-sintomi huma rreferuti għalihom bħala “s-sintomi ta’ l-influwenza”.  Ħafna mard differenti, inklużi r-riħ komuni, jista’ jkollhom sintomi simili.

 

X’Inhuma r-Riskji u l-Kumplikazzjonijiet ta’ l-Influwenza?

 Kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-influwenza jinkludu:

 

  • Pulmonite kkawżata mill-batterji
  • Deidratazzjoni
  • Kundizzjonijiet kroniċi mediċi bħall-mard tal-qalb, l-ażżma u d-dijabete li jmorru għall-għar
  • Problemi tas-sinus
  • Infezzjonijiet tal-widna

Min l-iktar li hu f’Riskju li Jaqbduh Kumplikazzjonijiet?

 

  • Nies ta’ eta’ akbar minn 65 sena
  • Tfal ta’ eta’ taħt is-sentejn
  • Nisa li għandhom aktar minn 3 xhur tqala waqt l-istaġun ta’ l-influwenza
  • Nies b’kundizzjonijiet kroniċi (eż. Ażżma jew mard tal-pulmun ieħor, dijabete, mard tal-qalb, mard tal-kliewi, mard tad-demm jew mard ta’ l-immunità)
  • Residenti ta’ djar tal-kura jew faċilitajiet tal-kura fit-tul li żżomm nies ta’ kull eta’ li għandhom mard kroniku
  • Tfal u żagħżagħ (ta’ eta’ bejn is-6 xhur – 18-il sena) li jieħdu l-aspirina bħala kura għal tul ta’ żmien u għalhekk jistgħu jiżviluppaw “Reye syndrome” wara l-influwenza

 

 Mis-sena 2000, it-titqiba ta’ l-influwenza hi rrakkomandata għal kul min għandu 50–64 sena, kull sena.

 

Kif Tinxtered?

 

L-Influwenza tinxtered fil-qtar tan-nifs u għalhekk issoltu tinfirex minn persuna għal oħra meta persuna nfettata tisgħol, tagħtas jew titkellem u l-virus imur fl-arja.  Kultant persuna tista’ tkun infettata billi tmiss wiċċ ta’ xi ħaġa li ġiet infettata reċentement, bħall-pum tal-bieb, telefon jew tastiera tal-kompjuter, u mbagħad tmiss għajnejha, imneħirha jew ħalqha.

 

Adult li għandu l-influwenza jista’ jkun kontaġjuż 24 siegħa qabel ma jiżviluppa s-sintomi u waqt is-sebat ijiem wara li jiżviluppa is-sintomi.  It-tfal jistgħu jibdew ixerrdu l-virus minn sitt ijiem qabel ma jaqbduhom is-sintomi u jkomplu sa 14-il ġurnata wara li jaqbduhom is-sintomi jew 21 ġurnata jekk l-immunità tagħhom tkun kompromessa.

 

Kif Wieħed Jista’ Jevita li Taqbdu l-Influwenza?

 Vizzji tas-Saħħa Tajbin huma mportanti.  Dawn jinkludu:

 

  • Għatti mnieħrek u ħalqek b’maktur tal-karti meta tisgħol u tagħtas
  • Armi l-maktur tal-karti fil-landa għall-affarijiet għar-rimi
  • Ħasil ta’ jdejn bis-sapun u l-ilma (jew soluzzjoni għat-tindif ta’ l-idejn li fiha l-alkoħol), speċjalment wara li tisgħol jew tagħtas

      -     oqgħod ‘il bogħod kemm jista’ jkun minn nies li hum morda.

-   jekk taqbdek l-influwenza, oqgħod id-dar, tmurx ix- xogħol jew l-iskola.  Tmurx ħdejn nies oħra biex ma tmarradhomx ukoll.

 

Tilqim:  Mod ieħor importanti biex tkun evitata l-Influwenza hi billi titlaqqam fil-bidu ta’ kull ħarifa.

 

Mediċini:  Mediċini antivirali (amantadine, rimantadine u oseltamivir) huma approvati għall-użu biex jevitaw l-influwenza. Dawn il-mediċini jinxtraw bir-riċetta tat-tabib, u t-tabib irid ikun infurmat qabel ma jintużaw.

 

Il-Ħasil ta’ l-Idejn:

 Għaliex il-Ħasil ta’ l-Idejn huwa Mportanti?

 

Billi taħsel idejk ta’ spiss tneħħi l-mikrobi li tkun ġbart mingħand nies oħra, jew minn uċuħ ta’ affarijiet ikkontaminati, jew minn annimali u l-ħmieġ tagħhom.

 

Jekk ma taħsilx idejk ta’ spiss tiġbor mikrobi minn postijiet oħra mbagħad tinfetta lilek innifsek meta tmiss għajnejk, imnieħrek jew ħalqek.

 

Tista’ xxerred il-mikrobi wkoll direttament lil ħaddieħor jew fuq uċuħ ta’ affarijiet li jmiss ħaddieħor.  U qabel ma tinduna, kulħadd madwarek ikun qiegħed jimrad!

 

Meta Għandek Taħsel Idejk?

 

Għandek taħsel idejk ta’ spiss.  Probabbli aktar milli diġa’ taħsilhom għaliex il-mikrobi ma jidrux, u lanqas ma jinxtammu, allura ma tkunx taf fiċ-ċert fejn qegħdin jistaħbew.

 

Huwa importanti ħafna li taħsel idejk:

 

  • Qabel, waqt u wara li tipprepara l-ikel
  • Qabel ma tiekol
  • Wara li tuża t-tojlit
  • Meta jdejk ikunu maħmuġin
  • Aktar spiss meta xi ħadd id-dar ikun ma jiflaħx
  • Wara li tmiss annimali jew ħmieġ tagħhom

 

 Kif Hu l-Aħjar Mod Biex Taħsel Idejk?

 

  1. Xarrab idejk u poġġi s-sapun likwidu jew sapuna f’idejk.  Poġġi s-sapuna fuq xtilliera u ħalliha tqattar
  2. Għorok idejk flimkien sew, għorok l-uċuħ kollha
  3. Kompli għal 10-15 sekondi – is-sapun flimkien ma’ l-għorik jgħin biex jinqalgħu u jitneħħew il-mikrobi
  4. Laħlaħ sew u nixxef idejk

Il-Vaċċin ta’ l-Influwenza:

Il-vaċċini ta’ l-Influwenza għandhom rekord ta’ sigurtà eċċellenti u wrew li huma effettivi ħafna biex jevitaw il-mard u l-kumplikazzjonijiet serji fl-anzjani, fl-adulti li huma iżgħar u b’saħħithom u fit-tfal.  Ħafna mard u mwiet ikkawżati  mill-influwenza jistgħu jkunu evitati b’tilqim ta’ l-influwenza ta’ kull sena.  It-tilqim ta’ l-anzjani (60+) inaqqas il-bżonn ta’ sptar għall-pulmonite u l-influwenza b’33% u jnaqqas il-mortalità minħabba kawżi oħra b’50%.  Persuni f’ċerti gruppi li huma f’riskju għoli li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet serji mill-influwenza u persuni li jiġgħu f’kuntatt viċin ma’ dawk f’riskju għoli għandhom jitlaqqmu kull sena.  Huwa wkoll ta’ benefiċċju ekonomiku peress li jnaqqas l-ispejjeż mediċi u l-assenteiżmu mix-xogħol.

 

It-Tilqima ta’ l-Influwenza – vaċċin inattiv, li fih il-virus maqtul.  Dan ikun mogħti b-labra, issoltu f’l-id. Huwa approvat għall-użu fin-nies mill-eta’ ta’ 6 xhur, inklużi nies b’saħħithom u dawk b’kundizzjonijiet mediċi kroniċi.

 

Il-vaċċin fih 3 viruses ta’ l-influwenza, li jirrappreżentaw wieħed mit-tlett gruppi ta’ viruses li jiċċirkulaw qalb in-nies f’sena partikolari.  Kull wieħed mit-tlett razez tal-virus fil-vaċċin – virus A wieħed (H3N2), virus A wieħed (H1N1), u virus B wieħed – huma rappreżentanti tar-razez tal-vaċċin ta’ l-influwenza rrakkomandati għal dik is-sena.  Il-viruses għall-vaċċin huma mkabbra fil-bajd.

 

Kif Jaħdem?

 

Jikkawża l-anti-korpi biex jiżviluppaw fil-ġisem, u dawn l-anti-korpi jipprovdu protezzjoni kontra l-infezzjoni bil-virus ta’ l-influwenza.

 

Għalfejn in-Nies Għandhom Jitlaqqmu Kontra l-Influwenza?

 

L-Influwenza hija marda serja li tista’ taffettwa nies ta’ kull eta’.  Waqt l-istaġun ta’ l-Influwenza – Ottubru sa Mejju – il-viruses ta’ l-Influwenza jkunu qegħdin jiċċirkulaw fil-popolazzjoni.  Vaċċin ta’ l-Influwenza ta’ kull sena huwa l-aħjar mod biex titnaqqas il-possibiltà li taqbdek l-Influwenza.

 

Meta’ Għandi Nieħu l-Vaċċin ta’ l-Influwenza?

 

L-aħjar żmien huwa fil-bidu t’Ottubru, iżda xorta jista’ jkun ta’ ġid għalik li titlaqqam anki jekk toħodha aktar tard.

 

Jaħdem Mall-Ewwel?

 

Le ma jaħdimx mall-ewwel.  Iridu jgħaddu bejn ġimgħatejn wara li titlaqqam sabiex jiżviluppaw l-anti-korpi fil-ġisem u jipprovdu protezzjoni kontra l-virus ta’ l-Influwenza.  Intant tkun għadek f’riskju li taqbdek l-Influwenza.  Għalhekk ikun aħjar jekk titlaqqam kmieni, qabel ma jibda’ l-istaġun ta’ l-Influwenza.

 

Tista’ Taqbadni l-Influwenza Minkejja Li Nkun Ħadt it-Tilqima ta’ l-Influwenza Din is-Sena?

 

Iva.  L-abbiltà li l-vaċċin ta’ l-Influwenza jipproteġi persuna tiddependi fuq żewġ affarijiet:

 

1)     L-eta’ u s-stat ta’ saħħa tal-persuna li qeda titlaqqam, u

2)     s-similarità jew “qbil” bejn ir-razez tal-virus li hemm fil-vaċċin u dawk fiċ-ċirkulazzjoni

 

Minkejja dan f'dawk li jigu infettati wara li jitlaqqmu, il-marda tkun anqas harxa u jonqos ic-cans ta' riferiment ghall-isptar jew il-kaz ta' mewt. Jista' jaghti l-kaz li l-mard ikun jixbah lil dak ta' l-influwenza meta fil-fatt ikun gej minn viruses li jaffetwaw in-nifs ohra li kontrihom il-vaccin ma joffrix protezzjoni.

 

Għalfejn Għandi Bżonn Nitlaqqam Kontra l-Influwenza Kull Sena?

 

Il-viruses ta’ l-Influwenza jinbidlu minn sena għal sena.  Dan ifisser li, l-ewwelnett tista’ taqbdek l-Influwenza iktar minn darba f’ħajtek.  L-immunità (il-protezzjoni naturali li tiżviluppa kontra marda wara li persuna kellha dik il-marda) li tinbena billi taqbdek l-Influwenza b’razza ta’ virus waħda mhux dejjem tagħti protezzjoni meta’ tkun qegħda tiċċirkola razza ġdida. It-tieni, vaċċin magħmul kontra l-viruses ta’ l-Influwenza li kienu qegħdin jiċċirkolaw is-sena l-oħra jista’ ma joffrix protezzjoni kontra l-viruses il-ġodda.  Għalhekk il-vaċċin ta’ l-Influwenza huwa aġġornat biex jinkludi viruses kurrenti kull sena.

 

Raġuni oħra biex tieħu l-vaċċin ta’ l-Influwenza kull sena hi li wara li titlaqqam, l-immunità tiegħek għall-marda tonqos maż-żmien u tista’ tkun baxxa wisq biex tipprovdi protezzjoni wara sena.

 

Kif Jintagħżlu l-Viruses Għall-Vaċċin ta’ l-Influwenza?

 

Kull sena ħafna laboratorji mad-dinja kollha jiġbru l-viruses ta’ l-Influwenza.  Xi ftit minn dawn il-viruses jintbagħtu lil wieħed minn erba’ laboratorji ta’ referenza ta’ l-Organizzazzjoni għas-Saħħa Dinjija (WHO) għall-ittestjar iddettaljat.  Dawn il-laboratorji jittestjaw ukoll kemm l-anti-korpi magħmula għall-vaċċin kurrenti jirreaġixxu sew għall-virus li hemm fiċ-ċirkulazzjoni u għall-viruses ta’ l-Influwenza l-ġodda.  Din l-informazzjoni flimkien ma’ informazzjoni dwar l-attività ta’ l-Influwenza, hi miġbura fil-qosor u ppreżentata lill-kumitat li għandu s-setgħa jagħti parir ta’ l-Amministrazzjoni ta’ l-Ikel u l-Mediċini ta’ l-Istati Uniti (U.S. FDA) u f’laqgħa tal-WHO. Dawn il-laqgħat jirriżultaw fl-għażla ta’ tlett viruses li se jitpoġġew fil-vaċċin ta’ l-Influwenza għall-ħarifa u x-xitwa li jmissu.  Issoltu, wieħed jew tnejn mit-tlett razez tal-virus li hemm fil-vaċċin huma mibdula kull sena.

 

Min Għandu Jieħu l-Vaċċin ta’ l-Influwenza?

 

Kull min hu f’riskju għoli (kif imsemmi qabel) għandu jitlaqqam kontra l-Influwenza.

 

Nies li jistgħu jagħtu l-Influwenza lil oħrajn li huma f’riskju għoli ta’ kumplikazzjonijiet għandhom jitlaqqmu wkoll.  Dawn jinkludu:

 

 

-                     tobba, infermiera u ħaddiema oħra fl-isptarijiet u l-uffiċji tat-tobba, inklużi ħaddiema li joħorġu għall-emerġenzi

-                     ħaddiema ta’ djar tal-kura u ta’ faċilitajiet tal-kura fit-tul li jiġgħu f’kuntatt ma’ pazjenti jew residenti

-                     ħaddiema ta’ residenzi ta’ l-assistenza u ta’ residenzi oħra għal nies fi gruppi ta’ riskju għoli

-                     nies li jipprovdu kura d-dar għal dawk fi gruppi ta’ riskju għoli

-                     membri tad-dar (inklużi t-tfal) ta’ nies fi gruppi ta’ riskju għoli

 

Min M’Għandux Jieħu l-Vaċċin ta’ l-Influwenza?

 

Nies li jidħlu fil-gruppi li ġejjin m’għandhomx jieħdu l-vaċċin ta’ l-Influwenza qabel ma jitkellmu mat-tabib tagħhom:

 

  1. Nies li għandhom allerġija severa għall-bajd tat-tiġieġ
  2. Nies li kellhom reazzjoni severa għall-vaċċin ta’ l-Influwenza fil-passat
  3. Nies li kienu żviluppaw il-Guillain-Barré Syndrome (GBS) fis-6 ġimgħat wara li ngħataw it-tilqima ta’ l-Influwenza.

 

X’Għandhom Jagħmlu il-Popolazzjoni Ġenerali, in-Nisa Tqal u l-Ommijiet li Qegħdin Ireddgħu?

 

Il-Popolazzjoni Ġenerali:  il-maġġoranza tan-nies li jridu jnaqqsu l-possibiltà li taqbadhom l-Influwenza jistgħu jitlaqqmu.  Nies li jipprovdu servizzi fil-komunità essenzjali (eż. pulizija, pompiera) għandhom jikkunsidraw li jitlaqqmu biex inaqqsu l-isfrattu ta’ l-attivitajiet essenzjali waqt tifqigħat ta’ l-Influwenza.  It-tilqim huwa nkoraġġat fi studenti jew nies oħra li jgħixu f’istituzzjonijiet (eż. dawk li jgħixu f’dormitorji).  It-tilqim ta’ adulti b’saħħithom inaqqas ir-rata tal-morbożità b’medja ta’ 65%.  Dan inaqqas ukoll l-ispejjeż lis-soċjetà.

 

In-Nisa Tqal:  It-tqala tista’ żżid ir-riskju għal kumplikazzjonijiet mill-Influwenza, u n-nisa tqal jista’ jkollhom bżonn ta’ sptar minħabba kumplikazzjonijiet ta’ l-Influwenza aktar minn nisa ta’ l-istess eta’ li m’humiex tqal.  F’tifqigħat dinjija ta’ l-Influwenza li għaddew (pandemiji ta’ l-1918-19 u l- 1957-58), mwiet qalb nisa tqal kienu assoċjati ma’ l-Influwenza.  It-Tqala tista’ tbiddel is-sistema immunitarja ta’ l-omm, kif ukoll tista’ taffettwa s-sistema kardjovaskulari (qalb u pulmuni).  Dawn it-tibdiliet jistgħu jqiegħdu n-nisa tqal f’riskju akbar għal kumplikazzjonijiet mill-Influwenza.

 

Minħabba li t-tilqima ta’ l-Influwenza hi magħmula minn viruses inattivi (il-viruses huma maqtula), ħafna esperti jikkunsidraw it-tilqim ta’ l-Influwenza bħala mhux perikolużi f’kull stadju tat-tqala. Iżda, peress li l-korrimenti (abort spontanju) jiġru l-aktar fl-ewwel tlett xhur tat-tqala, l-esperti tradizzjonalment ma jagħtux it-tilqima ta’ l-Influwenza waqt l-ewwel tlett xhur sabiex tkun evitata assoċjazzjoni aċċidentali mal-korriment.

 

Nisa li jkunu għaddew l-ewwel 3 xhur tat-tqala waqt l-istaġun ta’ l-Influwenza għandhom jieħdu t-tilqima ta’ l-Influwenza.  Nisa tqal li għandhom problemi mediċi li jżidu r-riskju għall-kumplikazzjonijiet mill-Influwenza għandhom jitlaqqmu kontra l-Influwenza qabel l-istaġun ta’ l-Influwenza, ikun liema jkun l-istadju tat-tqala tagħhom.

 

Ommijiet li Qegħdin Ireddgħu:  mhuwiex ta’ periklu li tieħu l-vaċċin ta’ l-Influwenza jekk inti qegħda treddgħa.

 

Il-Vaċċin Jikkawża Effetti Sekondarji?

 

It-titqiba tista’ tikkawża reazzjoni lokali (uġigħ) fil-post fejn tingħata t-tilqima, u inqas spiss, deni u uġigħ fil-muskoli għal ftit ġranet.

 

L-Influwenza Tista’ Tkun Iddijanjostikata?

 

Hemm testijiet li jistgħu jiddeterminaw jekk għandekx l-Influwenza sakemm it-test isir fl-ewwel jumejn jew tlett ijiem tal-marda.  Ukoll, jista’ jkun hemm bżonn eżami tat-tabib biex jiddeċiedi jekk għandekx infezzjoni oħra li hija kumplikazzjoni ta’ l-Influwenza.

 

X’Għandek Tagħmel Jekk Timrad?

 

Hemm passi li tista’ tieħu jekk timrad bl-Influwenza:

 

Jekk taqbdek l-Influwenza, għandhek bżonn ħafna mistrieħ, ixrob ħafna likwidi, u evita l-użu ta’ alkoħol u tabakk.  Ukoll, tista’ tieħu mediċini biex tnaqqas is-sintomi ta’ l-Influwenza (qatt m’għandek tagħti l-aspirina lil tfal jew żagħżagħ li għandhom sintomi ta’ l-Influwenza, speċjalment deni).

 

Jekk qiegħed f’riskju għoli li taqbdek l-Influwenza, għandek tikkonsulta t-tabib tiegħek jekk tiżviluppa sintomi ta’ l-Influwenza.  It-tabib tiegħek jista’ jirrakkomandalek l-użu ta’ mediċina antivirali bħala kura għall-Influwenza.

 

Mediċini Antivirali:

 

Tlett mediċini antivirali (amantadine, zanamavir, u oseltamivir) huma approvati bħala kura kontra l-Influwenza.  Dawn il-mediċini għandhom bżonn riċetta tat-tabib, u tabib għandu jkun ikkonsultat qabel ma jintużaw.  Il-kura antivirali ddum ħamest ijiem u trid tinbeda sa 48 siegħa mill-iżvilupp tas-sintomi sabiex ikunu effettivi.

 

Min Għandu Bżonn Attenzjoni Medika Urġenti?

 

Hemm xi “sinjali ta’ emerġenza” li għandhom bżonn attenzjoni medika urġenti:

 

Fit-tfal, dawn is-sinjali ta’ emerġenza jinkludu:

 

  • Nifs mgħaġġel jew problemi biex jieħdu n-nifs
  • Kulur tal-ġilda kaħlani
  • Ma jixorbux biżżejjed likwidi
  • Ma jqumux jew ma jirreaġixxux
  • Tant ikunu irritabbli li ma jridux jinżammu fl-idejn
  • Sintomi ta’ l-Influwenza jmorru għall-aħjar imma mbagħad jiġu lura b’deni u sogħla għar minn qabel
  • Deni b’raxx

 

Fl-adulti, is-sinjali ta’ emerġenza jinkludu:

 

  • Diffikultà biex jieħdu n-nifs jew qtugħ ta’ nifs
  • Uġigħ jew pressjoni fis-sider jew iż-żaqq
  • Sturdament f’salt
  • Konfużjoni
  • Ħafna remettar jew remettar persistenti

 

Fittex kura medika mall-ewwel!  Ċempel lit-tabib tiegħek jew mur l-emerġenza jekk inti jew xi ħadd li taf għandu xi sinjali minn dawn imsemmija hawn fuq.  Meta tasal, għid lill-istaff li taħseb li għandek l-Influwenza.  Jista’ jkun li jistaqsuk biex tilbes maskla u/jew toqgħod bil-qiegħda f’post separat biex ħadd ieħor ikun protett milli jimrad.

 
 
   
   
 
  Surveillance is the first step towards prevention